X’tagħmel l-UE
L-Unjoni Ewropea tiddefendi d-drittijiet tal-konsumaturi u tiggarantixxi wħud mill-ogħla standards ta’ protezzjoni fid-dinja. Ir-regoli tal-UE jissalvagwardjaw is-saħħa, is-sikurezza, u l-interessi ekonomiċi, u b’hekk jiżguraw li l-konsumaturi jiġu ttrattati b’mod ġust fil-ħwienet, online, u irrispettivament mill-fruntieri u li jkollhom aċċess għal prodotti sikuri.
Sa mis-snin 1970, l-UE bniet qafas robust ta’ drittijiet, li adatta għat-teknoloġiji ġodda u għall-bidliet fis-soċjetà. Il-konsumaturi huma protetti permezz ta’ ħames drittijiet fundamentali
- id-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa u għas-sikurezza, b’mod partikulari d-dritt li jkun hemm biss prodotti sikuri disponibbli fis-suq (online jew fil-ħwienet tradizzjonali)
- id-dritt għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi
- id-dritt għal rimedju
- id-dritt għall-informazzjoni u għall-edukazzjoni
- id-dritt għar-rappreżentanza

F’Novembru 2025, il-Kummissjoni ħabbret l-aġenda tal-konsumatur għall-2030. Din tistabbilixxi direzzjoni strateġika għall-politika dwar il-konsumaturi bejn issa u l-2030. Tiffoka fuq it-tlestija tas-suq uniku għall-konsumaturi, it-tisħiħ tal-infurzar u tal-protezzjoni online, il-promozzjoni tal-konsum sostenibbli, l-appoġġ għall-konsumaturi vulnerabbli, it-tisħiħ tal-governanza u tal-kooperazzjoni, u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi.
L-UE tappoġġa wkoll l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi u l-BEUC, l-organizzazzjoni tal-konsumaturi fil-livell Ewropew, u tiffinanzja proġetti dwar l-edukazzjoni, il-pariri dwar id-dejn, u l-protezzjoni għall-konsumaturi vulnerabbli.
Ċifri ewlenin
Oqsma ta’ azzjoni
Politiki, strateġiji, u statistika dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi
Kif tiġi infurzata l-liġi tal-konsumaturi madwar l-UE u kif tista’ ssolvi t-tilwim tal-konsumaturi
Sir af kif il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi tiżgura standards għoljin, prattiki ġusti, u drittijiet għall-konsumaturi kollha
Regoli dwar l-iżgurar tas-sikurezza tal-prodotti mhux tal-ikel fl-UE u s-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” għal prodotti perikolużi mhux tal-ikel
Ir-rispons tal-UE għal sitwazzjonijiet ta’ ħsara kollettiva
Informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi fil-qasam tal-enerġija, ir-rekwiżiti fir-rigward tal-kontijiet tal-enerġija, u kampjuni tal-kontijiet
It-trasformazzjoni tal-Ewropa f’ekonomija aktar kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi
Standards komuni Ewropej għall-aċċessibbiltà
Il-kisbiet ewlenin
- Is-suq uniku tal-UE joffri lill-konsumaturi aċċess għal aktar għażla, flessibilità, kwalità, u valur għall-flus. Il-politika tal-UE dwar il-konsumaturi tiżgura li d-drittijiet tan-nies jiġu rispettati jekk jiltaqgħu ma’ xi problemi meta jixtru oġġetti jew servizzi minn Stati Membri oħrajn, u b’hekk issaħħaħ il-fiduċja u tinkoraġġixxi l-kummerċ, inkluż dak online.
- Iċ-ċittadini tal-UE jibbenefikaw minn uħud mill-ogħla standards ambjentali fid-dinja. Dawn jinkludu kontijiet tal-elettriku trasparenti, ipprezzar ċar fil-ħwienet, tariffi tar-roaming ġusti, u drittijiet robusti għax-xiri online, kollha kemm huma sostnuti mil-liġi tal-UE dwar il-konsumaturi.
- Ir-Regolament tal-UE dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti jiżgura li prodotti sikuri biss, kemm jekk ikunu magħmulin fl-UE kif ukoll jekk ikunu magħmulin barra minnha, ikunu disponibbli għall-bejgħ lill-konsumaturi (online jew f’ħanut tradizzjonali), u b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji.
- Il-website Safety Gate tipprovdi informazzjoni aġġornata ta’ kuljum mill-awtoritajiet nazzjonali dwar prodotti perikolużi li jkunu jinsabu fis-suq.
- L-UE toffri lill-konsumaturi sett ta’ drittijiet prattiċi għal meta xi ħaġa tmur ħażin. Ix-xerrejja online għandhom 14-il jum biex jerġgħu jikkunsidraw ix-xiri tagħhom u jirtiraw ix-xirja tagħhom. Dawn jistgħu jirritornaw prodott fi żmien ġimagħtejn u jieħdu flushom lura.
- Jekk oġġett mixtri fl-UE (online jew mill-ħanut) ma jkunx kif irreklamat jew ma jaħdimx kif suppost, il-konsumatur għandu d-dritt għal mill-inqas tiswija jew sostituzzjoni bla ħlas.
- Ir-regoli tal-UE dwar il-krediti ipotekarji jiżguraw informazzjoni ċara fir-reklami u informazzjoni f’waqtha lill-konsumaturi qabel ma jiffirmaw kuntratt.
- Hemm standards minimi għad-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport, inklużi l-informazzjoni, l-assistenza u l-kumpens f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil.
- L-UE tipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-għodod disponibbli biex tgħin lill-konsumaturi u lin-negozjanti jsolvu t-tilwim tagħhom, permezz tal-website dwar ir-rimedji għall-konsumaturi. Dan jippermetti lill-konsumaturi u lin-negozjanti jsolvu t-tilwim dwar ix-xiri online.
- In-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jipprovdi għajnuna u pariri b’xejn lill-konsumaturi fix-xirjiet transfruntieri tagħhom. Fl-2024, aktar minn €9 miljun ġew rimborżati lill-konsumaturi bis-saħħa tal-ECC-Net.
- Aktar minn 300,000 tilwima tal-konsumaturi jiġu solvuti kull sena permezz tal-entitajiet għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti fl-UE. Bir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim, aktar tilwim tal-konsumaturi jiġi solvut b’dan il-mod.
- Regoli stretti jiżguraw li prodotti mhux sikuri jinġabru lura mis-suq biex b’hekk, kull sena, mijiet ta’ prodotti jiġu nnotifikati permezz tas-sistema ta' twissija rapida tal-UE dwar prodotti perikolużi li mhumiex tal-ikel.
- Bis-saħħa tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, madwar l-UE kollha hemm rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal ċerti prodotti u servizzi, u dan jippromwovi l-inklużjoni diġitali għall-persuni b’diżabilità.
Taħt il-lenti
Bis-saħħa tal-aktar indaġni reċenti, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur skoprew li xi skontijiet online waqt il-bejgħ fil-Black Friday u s-Cyber Monday kienu qarrieqa.
L-indaġnijiet huma skrinjar koordinat mill-Kummissjoni Ewropea u jitwettqu fl-istess ħin mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar.
L-objettiv ta’ din l-indaġni kien li jiġi valutat jekk l-iskontijiet u l-prattiki tal-ipprezzar waqt avvenimenti kbar ta’ bejgħ humiex konformi mal-liġi tal-konsumatur tal-UE.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 22 Mejju 2026