Il-libertà tal-informazzjoni
F’konformità mal-prinċipju tal-libertà tal-informazzjoni, il-Kummissjoni hija meħtieġa tiżvela l-informazzjoni. F’termini prattiċi, dan ifisser l-għoti ta’ aċċess għal informazzjoni li jkollha l-Kummissjoni, bħal testi leġiżlattivi, dokumenti uffiċjali, aġendi, u minuti tal-laqgħat.
Il-kisba tal-informazzjoni
L-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jagħti liċ-ċittadini u r-residenti tal-pajjiżi membri d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-UE, u tal-Kummissjoni Ewropea. Dan ifisser li ċ-ċittadini jistgħu jiksbu dokumenti miżmumin mill-Kummissjoni u minn istituzzjonijiet oħrajn, inklużi informazzjoni leġiżlattiva, dokumenti uffiċjali, arkivji storiċi, u minuti u aġendi tal-laqgħat.
Kif taċċessa d-dokumenti tal-Kummissjoni
Itlob għal dokument tal-Kummissjoni
Segwi l-iżvilupp ta’ liġi ġdida tal-UE proposta
Iċ-ċittadini jistgħu jibqgħu infurmati dwar l-iżvilupp tal-liġijiet proposti tal-UE, tul il-proċess kollu — mill-mument meta l-Kummissjoni taqbel dwaru, sal-adozzjoni tal-liġi. Jistgħu jipparteċipaw ukoll fl-elaborazzjoni tal-politika u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-prinċipju tal-ftuħ.
Il-Kummissjoni tibqa’ trasparenti fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet tagħha, b’mod partikulari fir-rigward ta’ min jinfluwenzahom, permezz tar-Reġistru tat-Trasparenza. Ir-Reġistru jiffaċilita l-iskrutinju pubbliku tal-proċess leġiżlattiv u tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE.
Il-Kummissjoni tmantni wkoll reġistru tal-kumitati, magħrufin bħala l-kumitati tal-komitoloġija, li jissorveljaw lill-Kummissjoni meta hi tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni. Ir-reġistru fih kemm lista ta' dawn il-kumitati kif ukoll informazzjoni ġenerali u dokumenti relatati ma' xogħolhom.
Ir-riċevituri tal-finanzjament
Sib informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi li tat il-Kummissjoni Ewropea. Is-Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja tippermettilek tara skont is-sena, u tanalizza, pereżempju l-ammont ta’ finanzjament, l-iskop tiegħu, u d-dettalji tal-benefiċjarji.
Tista’ taċċessa d-dettalji tal-finanzjament imħallas direttament mill-Kummissjoni Ewropea (mill-2007 'l hawn), u tal-benefiċjarji tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (mill-2010 'l hawn). Biex tagħmel dan, fittex fil-bażi tad-data tar-riċevituri ta' finanzjament tal-UE
Esperti esterni u konsulenti speċjali
Il-Kummissjoni stabbilixxiet reġistru tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u ta' entitajiet simili oħrajn li jagħtuha pariri u għarfien espert fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Il-Kummissjoni tista’ tagħżel ukoll konsulenti speċjali abbażi tal-għarfien espert u l-kwalifiki tagħhom.
Ir-reġistru tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) irid iżomm reġistru tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar kollha ta’ data personali mwettqa mill-Kummissjoni. Ir-reġistru, li għandu jkun fih informazzjoni li tispjega l-iskop u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar kollha, huwa aċċessibbli għal kwalunkwe persuna interessata.