Dak li tagħmel l-UE
Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE hija mfassla biex tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi u tan-negozji Ewropej. F’suq kompetittiv, kull kumpanija tistinka biex toffri l-aħjar prodotti u prezzijiet, u biex ittejjeb kemm il-kwalità kif ukoll l-għażla. Iżda meta s-swieq ma jkunux kompetittivi, dan jista’ jwassal għal inqas għażliet, kwalità aktar baxxa u prezzijiet ogħla. Dan jista’ saħansitra jwassal għal telf tal-impjiegi, pagi aktar baxxi u inugwaljanza akbar.
Huwa għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea tissalvagwardja l-kompetizzjoni, billi timmonitorja
- l-ftehim bejn il-kumpaniji li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, bħall-kartelli
- l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti, fejn kumpanija ewlenija tipprova taqla’ l-kompetituri mis-suq
- fużjonijiet, meta l-kumpaniji jingħaqdu, b’mod permanenti jew temporanju
- għajnuna mill-Istat, meta l-gvernijiet nazzjonali jagħtu appoġġ fi kwalunkwe forma lil ċerti kumpaniji
- sussidji minn gvernijiet barra mill-UE lil kumpaniji attivi fl-UE
- pjattaformi diġitali kbar (’l hekk imsejħa “gwardjani”) li jistgħu jużaw saħħithom fis-suq b’mod li jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni
Fatti dwar il-politika tal-kompetizzjoni
Oqsma ta’ azzjoni
Regoli li jipprojbixxu l-abbużi tas-saħħa fis-suq u ftehim bejn il-kumpaniji li jkunu jirrestrinġu l-kompetizzjoni
Ir-regoli tal-UE li jirregolaw l-fużjonijiet tan-negozji
Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat
L-indirizzar tad-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin lill-kumpaniji attivi fl-UE
Inżommu s-swieq diġitali ġusti u miftuħa
Tgħallem kif il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tgħin biex tixpruna ekonomija aktar nadifa u aktar ġusta
Kisbiet Ewlenin
- Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE jgħinu biex il-prezzijiet jinżammu baxxi u l-kwalità tal-prodotti tkun għolja għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji. Dan jgħin speċjalment lill-unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx, li huma l-aktar affettwati meta l-prezzijiet jogħlew.
- Dan iħaffef ukoll l-innovazzjoni, peress li s-swieq kompetittivi jġiegħlu lill-kumpaniji jtejbu u jinnovaw, u dan iwassal għal prodotti u servizzi aħjar li huma disponibbli għal aktar nies — mhux biss għas-sinjuri, iżda għal kulħadd.
- Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE joħolqu kundizzjonijiet ekwi, li jiżguraw li n-negozji kollha jkunu jistgħu jikkompetu b’mod ġust, ikun xi jkun daqshom. Dan jappoġġa għanijiet usa’ bħall-ugwaljanza fl-introjtu, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, jew l-aċċess għal servizzi essenzjali bħall-akkomodazzjoni soċjali. Fil-qosor, ir-regoli tal-kompetizzjoni jippromwovu l-ekwità sabiex is-swieq jaħdmu għal kulħadd u mhux biss għall-atturi l-aktar b’saħħithom.
- Permezz ta’ inizjattivi bħal Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs, Important Projects of Common European Interest), il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tagħti spinta lill-investiment f’setturi strateġiċi, filwaqt li tappoġġa l-innovazzjoni, it-teknoloġija ekoloġika u l-infrastruttura diġitali. Billi tistabbilixxi u tinforza regoli ċari, il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE toħloq inċentivi sodi għall-kumpaniji sabiex jinvestu u jinnovaw. Fl-istess ħin, din tippermetti lid-ditti tal-UE jespandu fis-Suq Uniku kollu, u tgħinhom jikbru f’ambjent ġust u kompetittiv.
- L-azzjonijiet kontra l-imġiba antikompetittiva bħall-kartelli jew kontra l-fużjonijiet li jistgħu jxekklu l-kompetizzjoni, iġibu benefiċċji konkreti.
- Abbażi ta’ metodoloġija żviluppata mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organization for Economic Cooperation and Development) huwa stmat li bejn l-2012 u l-2023, l-infurzar tal-kompetizzjoni tal-UE ffranka lill-konsumaturi bejn €12-il biljun u €21 biljun kull sena.
Taħt il-lenti
Ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin (FSR, Foreign Subsidies Regulation) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tinvestiga u tindirizza s-sussidji pprovduti minn gvernijiet barra mill-UE li jidhru li jxekklu s-suq intern tal-UE. Dawn is-sussidji barranin jistgħu jagħtu vantaġġ inġust lill-benefiċjarji tagħhom biex jakkwistaw kumpaniji jew biex jiksbu kuntratti ta’ akkwist pubbliku fl-UE.
Din il-paġna ġiet rieżaminata l-aħħar: 22 Mejju 2026